Ewropa ta’ solidarjetà, sussidjarjetà u sostenibilità

Fl-aħħar konferenza stampa fl-għeluq tal-kampanja elettorali għall-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali, f’Ħ’Attard, tkellmu ċ-Chairperson u kandidat għall-Parlament Ewropew ta’ AD Carmel Cacopardo, Ralph Cassar, Segretarju Ġenerali u kunsillier Ħ’Attard, u Mina Tolu, kandidat għall-Parlament Ewropew.

Carmel Cacopardo qal:”Irridu Ewropa ta’ solidarjetà. Mhux biss solidarjetà li ġustament nippretendu li ssir magħna bħala pajjiż kull meta dan ikun meħtieġ, imma fuq kollox is-solidarjetà li irridu nkunu kapaċi nagħmlu aħna bħala pajjiż f’kull ħaġa li għandna l-kapaċità għal dan. Għax is-solidarjetà mhix one-way.”

“Irridu mmexxu ‘l quddiem politika ta’ tama mhux politika ta’ mibgħeda. Politika ta’ tama lil min hu ppersegwitat u maħrub minn pajjiżu. Solidarjetà ma’ min bata u għadu qiegħed ibati. Il-politika tal-ażil imħaddna minn Alternattiva Demokratika hi ibbażata fuq il-valur tas-solidarjetà li hu fost il-valuri bażiċi mħaddna mill-poplu Malti tul is-snin. Imma fl-istess ħin bi dritt nippretendu li l-Unjoni Ewropea tagħmel ħafna iktar biex il-piż li ġie fuqna mill-ġografija nkun nistgħu nerfgħuh. Hu essenzjali li l-istati membri tal-Unjoni Ewropeja fuq il-fruntiera ikollhom l-għajnuna kontinwa. Kieku l-Unjoni kapaċi turi solidarjetà mal-immigranti daqs dik li ntweriet fil-konfront tal-banek f’diffikulta xi snin ilu, is-sitwazzjoni tkun bla dubju ferm aħjar.”

“Tul din il-kampanja elettorali enfasizzajna ukoll il-valur tas-sussidjarjetà, jiġifieri li l-ħidma meħtieġa issir l-iktar viċin possibli ta’ dawk milquta. L-Unjoni Ewropea diġa bdiet tapplika dan il-prinċipju, imma hemm ħtieġa ta’ impenn ferm ikbar biex dan mhux biss iħalli frott imma ukoll biex kull ċiuttadin Ewropew ikun konxju li dan fil-fatt qiegħed isir. Enfasizzajna ukoll fuq il-ħtieġa tal-applikazzjoni tal-prinċipju tas-sussidjarjetà f’Malta bejn il-Gvern ċentrali u l-Kunsilli Lokali.  Huwa essenzjali li l-Gvern ma jibqax jittratta lill-Kunsilli Lokali qieshom il-front desk tal-customer care tiegħu. Ir-rwol tal-Kunsilli Lokali mhux biss lok minn fejn jingħataw servizzi imma ukoll biex tinfirex iktar it-tħaddim tad-demokrazija fil-pajjiiż.”

“Tkellimna ukoll dwar is-sostenibilità, jiġifieri dwar il-ħtieġa li naħsbu iktar fit-tul fil-ħidma kollha tagħna. Fuq kemm hu meħtieġ li nindirizzaw l-impatti ambjentali u soċjali tal-politika ekonomika saħansitra mill-istadju tal-ippjanr tagħha. Dan jgħodd fl-oqsma kollha u li kellu jsir kemm pajjiżna kif ukoll l-Unjoni Ewropeja innifisha jkunu ferm aħjar.”

“Din kienet kampanja elettorali li fiha kellna 11-il kandidatura (2 għall-Parlament Ewropew u 9 għall-Kunsilli Lokali), b’taħlita tajba bejn demm ġdid u esperjenza. Fiduċjuż minn riżultati raġjonevoli mhux biss għax ħdimna għalihom imma fuq kollox għax huma ukoll meħtieġa biex inkunu nistgħu nibqgħu nagħtu l-kontribut utli tagħna.”

Ralph Cassar qal li kunsilliera ta’ AD jaħdmu favur aktar investiment fil-libreriji pubbliċi, moderni u li jaqdu lin-nies. “Irridu naħdmu wkoll favur is-saħħa u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti. Din tiddependi mill-kwalità tal-ambjent urban, tal-ispazji miftuħa, tal-arja li nieħdu f’imnifsejna. Kunsilliera eletti ta’ Alternattiva Demokratika jaħdmu biex jitħawwlu aktar siġar fit-toroq, fuq art pubblika u fil-ġonna pubbliċi. Siġar fit-toroq li isaffu l-arja u jilqghu għall-istorbju.  Nagħtu lura t-toroq lir-residenti. Iċ-ċentri tal-irħula għandhom ikunu ħielsa mit-traffiku. Anke jekk darba fix-xahar, irridu nibdew, nibdew inroddu lura l-ispazji lin-nies, lit-tfal, lill-anzjani. Transport Malta għandha tgħin lill-Kunsilli u mhux itellifhom u taghmel il-bsaten fir-roti. Għandna bżonn aktar pjazez, aktar toroq għan-nies biss. Naħdmu għal faċilitajiet għar-roti, kif diġa għamilna, u kif hemm bżonn li nkomplu nagħmlu. Ħadulna l-bankini, f’isem it-turiżmu. Irriduhom lura. Il-politika dwar l-imwejjed u s-siġġijiet għandu jieħu ħsiebha l-Kunsill. Morru sal-Gżira, tas-Sliema u San Ġiljan. L-operaturi turistiċi qed jitħallew jagħmlu li jridu u l-Kunsilli mhux qed jingħataw widen. Il-Kunsilli Lokali għandhom ikunu fuq ta′ quddiem biex iħeġġu lill-gvern sabiex mis-€700 miljun li qed jipproġetta bħala nefqa biex jirranġa t-toroq, jitbiddlu ukoll il-bankini. Bankini aċċessibbli għal kulħadd.”

L-intervent ta’ Mina Tolu waqt il-konferenza stampa jenfasizza aspetti li jolqtuna lkoll bħala Maltin u Ewropej. “Kinet kampanja iddominata minn wegħdi vojta u partiġjaniżmu. Aħna tkellimna dwar l-bidla fil-klima, l-immigrazzjoni u l-ġustizzja soċjali. Kollha temi li jeħtieġu politika Ewropea b’saħħitha.”

“Ħadt gost niltaqa’ u nitkellem man-nies. Fid-dimostrazzjoni fuq il-bidla fil-klima iddiskutejt maż-żgħażagħ kif nistgħu negħlbu l-isfida tal-bidla fil-klima. Spjegajt kif aħna tal-Greens se mmexxu politika serja bħall-bidla għal enerġija rinnovabbli u nadifa, trasport pubbliku sostenibbli, u tnaqqis ta’ veru fl-emmissjonijiet, fost oħrajn. Sħaqt li l-ġustizzja soċjali u ambjentali jimxu id f’id.”

“Dil-kampanja għandha kuntest, kemm Ewropew, kif ukoll lokali. Ir-retorika tal-lemin estrem hija sfortunatament b’saħħitha. Għalkemm rajna wkoll mewġa kbira ta’ solidarjeta’ kontra l-mibgħeda ta-lemin estrem. In-nies qed jindunaw li r-retorika tal-mibgħeda hija perikoluża. Ewropa inklussiva hija possibbli jekk naħdmu flimkien. Nhar is-Sibt, aħdar ir-risposta biex it-tama tirbaħ fuq il-mibgħeda. Irridu Unjoni Ewropea soċjali, inklussiva u sostenibbli.”

FacebookEmail