Alternattiva Demokratika ma tintilifx f’argumenti pwerili fuq ‘il-prezz tal-petrol’ bejn il-partiti l-oħra – dejjem l-istess storja skont min ikun fil-Gvern jew fl-Oppożizzjoni – imma l-argumenti jibqgħu l-istess. Nippreferu nitkellmu fuq l-effetti fuq is-saħħa u fuq il-klima jekk se nibqgħu niddependu fuq il-karburanti fossili għall-enerġija.
Il-kriżi ekonomika madwar id-dinja nistgħu niffaċċjawha b’trasformazzjoni sħiħa ekonomika u soċjali. B’soċjeta ġusta li kapaċi tipprovdi għall-bżonnijiet ta’ kulħadd, b’rispett sħiħ għal-limiti tad-dinja tagħna.
Dan ifisser pjan ekonomiku ta’ investiment biex nitrasformaw l-infrastruttura u l-industrija, nagħtu spinta lill-edukazzjoni u l-innovazjoni, u nsaħħu r-rabtiet soċjali filwaqt li nipproteġu l-klima u l-ambjent, għalina u għall-ġenerazzjonijiet tal-lum u t’għada.
Hemm bżonn urġenti li dil-viżjoni sseħħ – għadna fil-ħin biex nevitaw il-perikli kbar li ġġib magħha il-bidla fil-kima, b-inestiment sostenibbli. Bosta studji xjentifiċi juru li jekk ma jsir xejn l-ispiża biex nadattaw għall-bidla fil-klima tkun enormi u nsostenibbli.
Sfortunatement f’Malta l-Gvernijiet u l-Parlament magħmulin mill-PN jew il-PL ma ħadux azzjoni bis-serjeta fuq l-isfidi ambjentali li qed niffaċċjaw – la fuq livell lokali u lanqas fuq livell tal-UE. Għalkemm studji ma jonqsux – fosthom ‘Health Effects of Climate Change in the Maltese Islands’ tal-Ministeru tal-Saħħa u Organizazzjoni Dinjija tas-Saħħħa (WHO, 2010), kif ukoll ir-rapport ‘A sustainable development strategy for the Maltese islands 2007-2016’ (NCSD), ir-rakomandazzjonijiet li fihom baqgħu fuq l-ixkaffa, mentri l-battibekki bejn il-PL u l-PN fuq min raħħas l-aktar il-petrol ikomplu.
Nistednuk tagħti ħarsa lejn l-istrateġija ‘Green New Deal’ – viżjoni u azzjonijiet konkreti għal ekonomija sostenibbli u ambjent u klima aħjar: http://greennewdeal.eu/