Preżenti għat-tnedija tal-kampanja ‘Releaf’, illum AD qegħdha turi l-appoġġ tagħha lejn il-kawza tar-regolamentazzjoni tal-kannabis. Fil-kampanja elettorali, AD ipproponiet li min juża drogi qawwija għandu jitqies bħala persuna bi problema medika u soċjali u mhux kriminal u fil-każ tal-kannabis li din tkun legali għal użu personali.
James Gabarretta f’isem AD qal “Hemm bzonn li l-issue ta’ drogi perikolużi, specjalment dawk sintetici, tiġi indirizzata fuq livell soċjali u mediku. Dawn id-drogi qed jikkawzaw ħsara kbira. L-effetti tal-ħaxixa min naha l-oħra huma magħrufin u jistgħu jiġu kontrollati billi jkun hemm regolamentazzjoni li tħares lil min jiddeċiedi li jikkonsmaha”.
“Barra minn hekk, għandu jkun hemm strutturi ta’ ħaddiema soċjali iktar b’saħħithom li jgħinu lil persuni dipendenti fuq id-drogi qawwija. Minkejja titjib importanti fil-liġijiet Maltin, l-użu tad-droga ma ġietx dekriminalizzata. Il-pulizija xorta għadha qed tigri wara min juża d-droga. Nesiġu mudell ibbażat fuq dak soċjali u mediku fejn jidħlu drogi qawwija biex peruni dipendenti verament isibu għajnuna f’waqtha u effettiva.”
“Fuq il-kannabis partikolarment, din għandha tkun klassifikata b’mod differenti minn drogi oħra. AD tishaq li l-kannabis, titqies fuq l-istess livell tal-alkoħol u s-sigaretti u issir legali fuq dan il-mudell:
1. L-ewwelnett, l-użu tal-kannabis għal skop mediku, minkejja r-retorika, għadu qed isib tfixkil kbir. Ix-xkiel għandu jispiċċa minnufih;
2. Il-kannabis għandha titħalla titkabbar u tinbiegħ minn ħwienet liċenzjati u regolati. Id-dħul mit-tassazzjoni fuq il-prodotti tal-kannabis jista’ jintuża f’infieq fuq servizzi tas-saħħa u soċjali;
3. Għandha titħalla ssir il-kultivazzjoni għall-użu personali tal-kannabis mingħajr tassazzjoni, u l-użu tal-kannabis għandha tkun legali, bħal fil-każ tas-sigarretti f’qafas ta’ liġi.”
Iċ-Chairperson ta’ AD Carmel Cacopardo qal:”Inħossu li wasal iż-żmien li Malta tieħu l-pass li jmiss fil-politika tad-droga – li ssir politika b’wiċċ uman u mhux waħda ta’ ripressjoni.”