L-affarijiet essenzjali għal ħajja diċenti mhux aċċessibbli għal kulħadd – dar diċenti, ikel sustanzjuż, affarijiet bżonnjuzi bħall-elettriku, l-internet, u servizzi oħra.
Fl-istess ħin iżda kumpaniji multinazzjonali u kumpaniji fantażma jingħataw inċentivi u tnaqqis fit-taxxi. Ħaddiema, kumpaniji żgħar u self-employed iħallsu 25%, 30% u 35% tad-dħul f’taxxa, mentri kumpaniji multimiljunarji iħallsu l-miżerja ta’ 5% taxxa effettiva. Is-sistema ta’ servizzi socjali ma tkoprix il-bżonnijiet ta’ ħafna nies – dawk fuq pagi medji u bi dħul modest, per eżempju.
Wasal iż-żmien biex il-ġid jinqasam bejn kulħadd b’mod aktar ġust. Għalhekk irridu sistema ta’ Dħul Bażiku Universali.
Id-Dħul Bażiku Universali huwa pagament regolari li jsir lil kull min jilħaq l-età tax-xogħol jew studju post-obbligatorju, biex jiżgura standard minimu ta’ benesseri. Flimkien mad-Dħul Bażiku Universali għandu jidħol ukoll Indiċi tal-Benesseri, wara konsultazzjoni wiegħsa.
Id-Dħul Bażiku Universali jiddependi wkoll fuq taxxi progressivi (iġifieri li verament min jiflaħ l-aktar jikkontribwixxi l-aktar), fuq kumpaniji multinazzjonali li sa issa jiżgiċċaw it-taxxi jerfgħu l-obbligi soċjali tagħhom bħal ma’ jagħmel ħaddieħor, u fuq reviżjoni u simplifikazzjoni tas-sistema ta’ servizzi soċjali. Id-Dħul Bażiku Universali huwa s-sehem tagħna bħala parteċipanti fil-ħajja soċjali u ekonomika tal-pajjiż.
Dħul Bażiku Universali jfisser li tista’ tieħu aktar riskji u tipprova xogħolijiet u karrieri differenti b’anqas inkwiet. Tfisser li ssibha aktar faċli tieħu ħsieb lit-tfal, jew persuni vulnerabbli fil-familja tiegħek. Tfisser li mad-dħul tieghek mix-xogħol għandek dhul li jħallik tqassam ħinek aħjar għax taħdem kemm għandek bżonn f’dak il-perjodu partikolari ta’ ħajtek. Tfisser li tista’ titħajjar tiftaħ in-negozju tiegħek għax hemm id-Dħul Bażiku Universali li jwieżnek sakemm iddawwar ir-rota. Jekk int artist, freelancer jew taħdem fil-qasam kreattiv, id-Dħul Bażiku Universali qiegħed hemm biex jgħin f’perjodi fejn ix-xogħol jonqos. Iwieżnek jekk tiddeċiedi li ma sħabek twaqaf koperattiva, jew tieqaf għal perjodu mix-xogħol fulltime biex tistudja jew tistrieħ mentalment u fiżikament. Tfisser li xogħol li ma jrendix ħajja dicenti jispicca – għax ħaddiem ma jkunx lest li jagħmel xogħol li ma jżidlux il-benesseri tieghu. F’kelma waħda xogħol essenzjali u ta’ strapazz ikollu jitħallas aħjar biex iħajjar ħaddiema jidħlu f’dak il-qasam partikolari.
Fi ftit kliem id-Dħul Bażiku Universali jfisser li l-istruttura tal-ekonomija tinbidel biex tkun ta’ benefiċċju ghalina lkoll minflok ekonomija li taqdi l-interessi tal-multimiljunarji u l-multinazzjonali. Ta’ min wieħed jinnota li skont ir-rapport European Foundation for the Improvement of Living and Working Conditions (Eurofound) fl-2017, il-5% tal-popolazjoni f’Malta l-aktar sinjura kellha 40% tal-ġid kollu maħluq, minn 33% fl-2010. 50% tal-popolazzjoni kellhombiss 10% tal-ġid. Ir-rapport tal-Caritas dwar dħul għal għajxien diċenti tal-2021 jgħid li L-istudju tal-Caritas jasal għall-konklużjoni li familja konsistenti f’żewġ adulti u żewġt itfal teħtieġ €13,947 fis-sena bħala minimu biex tgħix b’mod diċenti. Din hi ħtieġa ferm iktar mill-paga minima li fl-2021 hi ta’ €181.08 fil-ġimgħa, anke jekk wieħed jieħu in konsiderazzjoni l-bonus ta’ Ġunju kif ukoll dak ta’ Diċembru.
Liema pajjiżi ppruvaw forom ta’ Dħul Bażiku Universali?
Il-kunċett ta’ Dħul Bażiku Universali mhux xi wieħed ġdid. Fl-Istati Uniti saru xi esperimenti saħansitra lura fis-sittinijiet. Filfatt tant kellhom riżultati tajbin li 1,200 ekonomista talbbu lill-gvern Amerikan jimplimenta sistema ta’ Dħul Bażiku Universali mal-pajjiż kollu. Fl-1968 il-Kamra tar-Rappreżentanti tal-Istati Uniti introduċiet liġi biex iddaħħal id-Dħul Bażiku Universali. Il-liġi iżda ġiet imblukkata mis-Senat. Saru wkoll esperimenti fil-Kanada f’nofs is-sebgħinijiet. L-esperiment ‘Mincome’ fisser li filwaqt li s-sigħat li n-nies qattgħu fuq ix-xogħol naqas bejn 1% u 5%, aktar nies għażlu li jużaw il-ħin li ggwadanjaw f’edukazzjoni, taħriġ, f’kura tat-tfal u f’attivitajiet kreattivi u kulturali. Naqsu wkoll ir-rati ta’ vjolenza domestika, problemi bis-saħħa mentali, u anke n-numru ta’ pazjenti l-isptar.
Fil-Finlanja bejn l-2017 u l-2019 sar esperiment żgħir u li fih ipparteċipaw nies qegħda biss. Safrattant ir-riżultati, għalkemm fuq kampjun partikolari ħafna, xorta wrew li l-persuni li rċivew dħul bażiku xorta ħadmu l-istess ammont ta’ ħin meta sabu x-xogħol. Ħassewhom ukoll aktar kuntenti. Pajjiżi oħra li qed jikkunsidraw proġetti ta’ Dħul Bażiku Universali huma l-Kenja, l-Olanda, l-Iran, l-Italja u Spanja.
Inkwiet dwar id-Dħul Bażiku Universali huwa li jwassal għal inflazzjoni u li l-prezzijiet ta’ affarijiet essenzjali jogħlew. M’hemmx releazzjoni diretta bejn id-domanda għal prodott u l-prezz, anzi jista’ jkun li peress li l-produtturi jkunu jridu jbiegħu l-prodott tagħhom il-prezzijiet ta’ affarijiet essenzjali jorħsu. Riċerka fuq l-inflazzjoni turi li d-Dħul Bażiku Universali għandu ftit jew xejn impatt fuq il-prezzijiet.
Kif jista’ jiġi finanzjat d-Dħul Bażiku Univerali?
Hemm diversi modi progressivi u ġusti biex il-ġid maħluq, partikolarment dak ġej minn pożizzjonijiet b’saħħithom u monopolistiċi fis-suq, prattiċi ta’ spekulazzjoni finanzjarja, u minn tniġġis u spekulazzjoni fuq ir-riżorsi naturali – jitqassam b’mod aktar ġust. Li mhux ġust huwa li dawn il-prattiċi spekulattivi jikkontrobwixxu anqas bħala persentaġġ mit-tassazzjoni fuq ix-xogħol tal-individwi.
Hemm bżonn budgets u pjanar ekonomiku u tal-infieq pubbliku fuq medda itwal mill-budgets sena b’sena. Kif diġà aċċennajna, studji juru, per eżempju li forom ta’ Dħul Bażiku Universali inaqqsu l-piż fuq servizzi soċjali – per eżempju, inaqqsu l-pressjoni fuq is-servizzi tas-saħħa inkluż problemi ta’ saħħa mentali. M’hemmx dubju li d-Dħul Bażiku Universali huwa spiża kbira għall-pajjiż, iżda min-naħa l-oħra l-benerfiċċji li jinqered il-faqar, u l-awtonomija akbar tan-nies – dik li jagħmlu u jesploraw attivitajiet ġodda, inkluż dawk li jrendu ekonomikament – jagħmel lis-soċjetàaktar b’saħħitha.
Filwaqt li għandna naraw kif indaħħlu sistema ta’ Dħul Bażiku Universali f’Malta, peress li Malta tifforma parti mis-suq uniku tal-Unjoni Ewropea, jagħmel ħafna sens li Malta tagħfas fuq sistema u qafas pan-Ewropew li jiffinanzja d-Dħul Bażiku Universali. Huwa mod kif kumpaniji multinazzjonali li jaffettwaw is-suq Malti mingħajr ma jikkontrobwixxu wisq lejn il-benesseri tas-soċjetà, jikkontribwixxu l-parti tagħhom, kif jagħmlu wara kollox il-ħaddiema, s-self-employed u n-negozji żgħar Maltin.
Possibilitajiet ta’ sorsi ta’ finanzjament:
- Taxxa tal-Unjoni Ewropea fuq il-ġid akkumulat ta’ 1% (taxxa marġinali) għal ġid ‘il fuq minn €2 miljuni (1% tal-popolazzjoni tal-UE), 2% taxxa marġinali għal ġid akkumulat ta’ aktar minn €8 miljuni (0,1% tal-popolazzjoni), 3% fuq ġid akkumulat ta’ €1 biljun u aktar. (Landais, Saez, Zucman, 2020).
- Taxxa fuq it-tniġġis mill-karbonju (carbon tax) – filwaqt li fuq skala dinija skont Jakob et al.(2016) jestimaw li tikkontribixxi $1.6 triljuni bejn l-2020 u l-2030, id-dħul jonqos hekk kif id-dinja taqleb għal sorsi ta’ enerġija nadifa. Din it-taxxa tista’ tixpruna u tinċntivizza din il-qalba essenzjali. Biex dawk l-aktar foqra ma jkunux affettwati minn din it-taxxa – għax wara kollox l-ifqar huma l-anqas li jniġġsu – l-enerġija neċessarja għal ħajja dinjituża għandha jkollha prezz soċjali. Dan flimkien ma’ investiment f’modal shift fit-trasport.
- Taxxa Tobin – jew it-Taxxa Robin Hood – Bħalissa l-Unjoni Ewropea qed tiddiskuti taxxa ta’ 0.2% fuq tranzazzjonijiet finanzjarji (Funke, Meyer, Trebesch, 2020). Il-vantaġġ ta’ din it-taxxa hija li tiddistribwixxi parti mill-ġid maħluq minn spekulazzjoni finanzjarja – mhux il-ħid maħluq mix-xogħol. Jekk din it-taxxa tkun ippjanata sew bilkemm taffettwa lill-individwi u lill-familji. 0.2% fuq tranżazzjonijiet kbar tfisser sors ta’ ġid li jista’ jitqassam bħala dividend bħala parti mid-Dħul Bażiku Universali.
Nisimgħu ħafna li l-ħid għandu jinqasam b’mod ekwu, imma filfatt li qed jiġri huwa li kumpaniji multinazzjonali qed jżommu l-ġid li joħolqu minn fuq daharna għalihom, u għalihom biss – ħafna drabi għal persuna waħda biss. Dan irid jinbidel!
Ralph Cassar
Segretarju Ġenerali
Riżorsi
European Parliament (2022) Legislative Train 01.2022 4e Deeper And Fairer Internal Market With A Strengthened Industrial Base / Taxation / €175bn. Available at: https://www.europarl.europa.eu/legislative-train/theme-deeper-and-fairer-internal-market-with-a-strengthened-industrial-base-taxation/file-financial-transaction-tax
Eurofond. https://www.eurofound.europa.eu/country/malta
Funke, M., Meyer, J. and Trebesch, C. (2020) The Franco-German Proposal for an EU Financial Transaction Tax: International Context and Policy Recommendations (No. 24). Kiel contributions to economic policy.
Grimalda, G., Filgueira, F., Fleurbaey, M. and Vuolo, R.L. (2020) Building global citizenship through global basic income and progressive global taxation. Available at: https://www.g20-insights.org/policy_briefs/building-global-citizenship-through-global-basic-income-and-progressive-global-taxation/
Jakob, M., Chen, C., Fuss, S., Marxen, A., Rao, N.D. and Edenhofer, O. (2016) Carbon pricing revenues could close infrastructure access gaps. World Development, 84, pp.254-265.
KPMG (2021) EU Financial Transaction Tax. Available at: https://assets.kpmg/content/dam/kpmg/xx/pdf/2021/05/eu-financial-transaction-tax.pdf
Landais, C., Saez, E., Zucman, G. (2020) A progressive European wealth tax to fund the European COVID response, 3 April. Available at: https://voxeu.org/article/progressive-european-wealth-tax-fund-european-covid-responseSchwerhoff, G., Nguyen, T., Edenhofer, O., Grimalda, G., Jakob, M., Klenert, D. and Siegmeier, J. (2017) Policy options for a socially balanced climate policy. Economics, 11, 1, pp. 20170020. https://doi.org/10.5018/economics-ejournal.ja.2017-20