Central Link u s-suppost tnaqqis fit-‘trab iswed’ – Ralph Cassar

It-Torċa tal-Ħadd 20 ta’ Jannar 2019 fil-faċċata tagħha qaltilna b’ittri kbar ‘Żieda b’erba’ darbiet fit-trab iswed – Jekk il-proġett tas-Central Link ma jsirx’. Dan it-titolu sejjaħtlu ‘fake news’fuq facebook. Għaliex? Għax fl-istudji ambjentali m’hemm l-ebda referenza għal trab iswed. Dawn it-tip ta’ titoli jidhirli li jsiru biex ibeżżgħu lin-nies u jmexxu ‘l quddiem aġenda li tara biss sal-ponta ta’ mnieħirha fil-qasam tat-trasport. Fil-fatt l-artiklu jirrepeti diskors mhux korrett li diġa’ sar mill-Ministru tat-Trasport Ian Borg.

L-istudji jagħmlu referenza għal ‘PM10’. Issa t-‘trab’ PM10 mhux ‘trab iswed’, imma partiċelli li tant huma żgħar li lanqas biss jidhru tant kemm huma zgħar fid-daqs. Huma perikolużi ħafna għas-saħħa għax jidħlu man-nifs u jispiċċaw fil-pulmun. Iżda l-mod kif tnaqqas il-particelli PM10 huwa billi tnaqqas it-traffiku u l-użu tal-karozzi u mhux bil-politika ta’ iktar toroq u flyovers. Biex inkun ġust mal-ġurnalist li kiteb l-artiklu, mhux faċli tinterpreta dawn it-tip ta’ studji u min tah l-informazzjoni x’aktarx li żgwidah apposta biex imexxi ‘l quddiem aġenda li tpoġġi f’dawl sabiħ dan il-proġett ta’ iktar toroq. Iżda l-aħbar vera hija li kull m’huwa se jsir bil-progett ta’ aktar toroq, f’dal-każ minn nofs Ħ’Attard, huwa li se jiżdiedu aktar u aktar karozzi, u dan bil-konsegwenza li jerġa jiżdied it-tniġġis. Fi żmien qasir nerġgħu koppi. Jekk hawn xi ħadd li daħħalha f’rasu li t-twessiegħ u l-bini ta’ aktar toroq jagħmlu xi effett għandu jasal wasla sa’ triq reġjonali u l-mini ta’ Santa Venera – konġestjoni u arja maħmuġa kien hemm, u konġestjoni u arja maħmuġa għad hemm. Il-karozzi li kienu jeħlu f’post, issa qed jeħlu post ieħor. X’avvanz hux? Fir-realta’ l-proġett Central Link m’huwa se jsolvi xejn. Qisek meta tiħxien, minflok tagħmel id-dieta, tixtri qalziet b’qadd akbar. Din hija l-politika tal-Gvern dwar it-trasport.

 Ta’ min isemmi li kontributur importanti tal-partiċelli PM10 huwa mit-trab li jittajjar mit-triq bis-sewqan tal-karozzi, kif ukoll dak it-trab li jirrizulta mill-brix tal-breaks meta jagħfsu mad-discs. Sors ieħor ta’ dan it-trab fin huwa l-kuntatt bejn it-tyre u it-triq. Dawn iż-żewġ sorsi ma jittafewx bit-tnaqqis tal-konġestjoni. Aktar minn hekk it-tkabbir tat-toroq u l-bini ta’ toroq ġodda, fit-tiġrija li ma’ tista’ tintrebaħ qatt kontra ż-żieda allarmanti fit-traffiku, jwassal għal aktar u aktar minn dan it-tniġġis. Il-gassijiet perikolużi ta’ karozzi li jaħdmu bil-petrol jew bid-diesil jitnaqqsu bit-tnaqqis fit-traffiku u infrastruttura għal mezzi alternattivi ta’ transport u mhux bit-twessiegħ u l-bini tat-toroq.

Issa hawn min se jsaqsi, “allura x’hemm bżonn isir?”. Ir-risposta hija wahda faċli. Is-soluzzjoni tinstab fl-istrateġija u l-master plan dwar it-trasport maħruġa minn Transport Malta għall-Gvern fl-2016. Dawn joffru bażi tajba għall-azzjoni. Il-Gvern qed jinjora partijiet importanti minn dawn l-istrateġiji għas-skapitu tal-kwalita’ tal-ħajja tan-nies. Waħda mill-iktar miri ċari tal-Pjan Nazzjonali tat-Trasport 2025: it-tnaqqis tal-karozzi mit-toroq hija injorata kompletament kemm mill-EIA kif ukoll minn Transport Malta. Il-Pjan Nazzjonali tat-Trasport jgħid b’mod ċar li hemm bżonn ‘alternatives to private vehicles to encourage sustainable travel patterns and reduce private vehicular demand in the congested hub area’. Studji ikkwotati f’din l-istrategija jenfasizzaw li madwar ħamsin fil-mija tal-vjaġġi li jsiru b’karozzi privati jdumu inqas minn kwarta, liema fatt juri li dawn huma vjaggi fuq distanzi qosra ħafna. Huwa ċar li hawn nuqqas ta’ rieda politika biex tittieħed azzjoni li tħares fit-tul. Barra minn hekk ma’ nistax ma nsemmix li l-pajjiżi tal-UE li fihom jiġu manifatturati l-karozzi, bliet kbar Ewropej, u anke l-Kummissjoni Ewropea, qed jaġixxu biex jinqatgħa d-diesel mill-vetturi (sors ta’ tniġġis bħall-ossidi tan-nitrogenu). Fl-aħħar mill-aħħar anke l-petrol se jinqatgħa fil-mixja lejn ekonomija ‘żero-karbonju’. Sa l-2045 – data li tissemma fir-rapport, il-proporzjon tal-vetturi emmissjonijiet żero, irid jew ma’ jridx il-Gvern Malti, jkunu l-maġġoranza kbira tal-vetturi fit-toroq.

Il-ftaħir tal-Ministru Ian Borg dwar kif is-Central Link se jsolvi l-problema tat-traffiku huwa ‘fake news’ għax diversi studji, fosthom dak ta’ Anna Font u oħrajn minn King’s College London (‘Degradation in urban air quality from construction activity and increasedtraffic arising from a road widening scheme’, ippublikat fil-ġurnal xjentifiku ‘Science of the Total Environment’ fl-2014) juru kif it-twessiegħ tat-toroq mhux soluzzjoni għall-konġestjoni u t-tniġġis. Anzi l-effett huwa oppost. L-istudju jgħid hekk: “Road widening schemes in urban areas are often proposed as a solution to traffic congestion and as a means of stimulating economic growth. There is however clear evidence that new or expanded roads rapidly fill with either displaced or induced traffic, offsetting any short-term gains in eased traffic flows”. L-istudju jkompli juri kif it-tniġġis li jġib miegħu t-traffiku jiżdied mhux jonqos. 

Fl-aħħar mill-aħħar jekk irridu nitkellmu fuq tniġġis, huwa t-tnaqqis fl-użu tad-diesel u l-petrol, it-tnaqqis fit-traffiku permezz ta’ politika favur trasport tal-massa, pedestrijanizazzjoni f’żoni urbani, zero-emission zones u toroq aktar siguri għal trasport alternattiv bħar-roti elettriċi, kif ukoll l-infurzar tal-ligijiet fuq vetturi kbar bhal trakkijiet li jnaqqsu t-tniġġis. Se jkun hemm min ikollu juża l-karozza aktar spiss minn oħrajn? Iva, ħadd m’hu se jġorr xi tgħabija kbira fuq dahru, u hemm min ikollu jmur minn post għal ieħor spiss f’ħidmietu. Imma l-Gvern għandu jara kif jagħmilha aktar faċli u sigur li aktar u aktar nies jużaw mezzi sostenibbli ta’ trasport. Sfortunatament dal-pajjiż misħut b’politiċi bla vizjoni li jippreferu jieħdu deċiżjonijiet faċli li iżda ma jwasslux għat-titjib u l-immodernizzar tant meħtieġ. Il-politiċi b’viżjoni huma ftit wisq. Dan huwa rifless fiċ-ċucati li qed jgħidulna dwar is-suppost bżonn ta’ aktar toroq. Fil-vera sens tal-kelma ‘fake news’.

Ralph Cassar 
Ippublikat fuq it-Torċa – il-Ħadd 27 ta’ Jannar 2019

FacebookEmail