Waqt konferenza stampa l-Gżira, kelliema ta’ Alternattiva Demokratika ġibdu l-attenzjoni għall-fatt li l-awtoritajiet, l-Malta Tourism Authority u l-Awtorita’ tal-Ippjanar, bil-barka tal-Gvern jiġu jaqgħu u jqumu min-nies u minn infrastruttura urbana aċċessibbli, għax fi kliem il-Prim Ministru stess il-kummerċ jiġi qabel u fuq kulħadd fil-policies ‘business friendly’ tal-Gvern.
Ralph Cassar, kelliem dwar l-infrastruttura qal li l-ispazji pubbliċi qed jittieħdu min-negozji bil-barka tal-awtoritajiet. “Minflok li l-affarijiet isiru bis-serjeta, fejn hemm spazju adegwat għandna free for all – residenzi imblukkati, skart fuq il-bankini, nuqqas kbir ta’ aċċessibilita’,u bħal f’ħafna oqsma oħra l-infurzar ma’ jeżistix. Fost affarijiet oħra tant m’hawn infurzar li taxis u coaches li jwasslu t-turisti, biex ma nsemmux il-karozzi tal-linja ikollhom jieqfu f’nofs ta’ triq minħabba d-double parking. Minflok l-awtoritajiet iħajjru lin-nies jimxu u anke jużaw ir-roti tul il-promenade permezz ta’ infurzar serju, il-promenade saret korsa bl-ostakli u t-toroq perikolużi.”
Iċ-Chairperson ta’ AD Carmel Cacopardo qal li mid-dehra l-awtoritajiet jippretendu illi n-nies jimxu f’nofs it-triq, bin-negozji jokkupaw il-bankini u lanqas biss iħallu spazju għal per eżempju loading bays għall-hwienet tal-madwar. Id-double parking perikoluż hija problema enormi fil-Gżira u postijiet simili. Il-mod kif qed joperaw ir-ristoranti fuq il-bankini huwa inaċċettabbli. Ftit gimghat ilu kellna inċident San Ġiljan fejn Olandiż li kien miexi fuq il-promenade inqatel minn karozza misjuqa minn persuna b’livell għoli ta’ alkoħol. Inċident wieħed jista’ jfisser il-mewt ta’ bosta nies, ippakkjati fuq il-bankini tul ix-xatt tal-Gżira, Tas-Sliema u San Ġiljan.”
“Viċin fejn qegħdin l-Awtorita’ tal-Artijiet irrifjutat applikazzjoni tal-Waterfront Hotel fil-Gżira biex jużaw il-bankina u l-parking taħt il-bankina għall-imwejjed. Meta s-sidien appellaw id-deċiżjoni quddiem it-tribunal tal-appell l-Magistrat Charmaine Galea saħqet li l-policy dwar ‘outdoor catering’ tipprojbixxi pjattaformi fuq toroq arterjali u fejn hemm traffiku għaddej b’veloċita’. Skont din il-policy il-klijenti għandhom ikunu mħarsa mit-tniġġis,l-ħsejjes tat-traffiku u mill-karozzi.”
“Hemm bżonn li l-Awtorita’ tal-Ippjanar ma tibqax tipperikola lin-nies u trendi residenti tal-inħawi priġunieri tan-negozji. Hemm bżonn ukoll li l-Kunsilli Lokali mhux biss ikunu ikkonsultati iżda li jkollhom sehem effettiv u ċentrali f’deċiżjonijiet li jirrigwardaw l-infrastruttura urbana fil-lokalitajiet tagħhom. It-turiżmu m’għandu qatt jiġi qabel kull kunsiderazzjoni oħra u awtoritajiet bħall-MTA, li jinteressahom biss li jaġevolaw l-industrija turistika għandhom ikunu suġġetti għal policies li jfasslu l-Kunsilli Lokali fuq il-lokalitajiet tagħhom.”