Illum Alternattiva Demokratika ippreżentat l-proposti tagħha dwar il-Kunsilli Lokali. Carmel Cacopardo, Chairperson ta’ AD qal li l-proposti huma ibbażati fuq il-prinċipju ta’ sussidjarjeta’ – prinċipju li a bażi tiegħu jonqos ir-rwol tal-istat ċentrali bl-obbligu li tkun inkoraġġita iktar l-awtonomija lokali u reġjonal. Huwa prinċipju li illum il-ġurnata jifforma parti mit-trattati Ewropej u diga jiregola ukoll ir-relazzjoni bejn l-istati membri tal-EU u l-istituzzjonijiet Ewropej.
‘Il-prinċipju ifisser li d-deċiżjonijiet għandhom kemm jista’ jkun jittieħdu fil-komunitajiet effettwati. Huwa neċessarju li tinbet kultura ġdida fl-amministrazzjoni pubblika li tħaddan il-prinċipju tas-sussidjarjetà fl-oqsma kollha. Dan għandu jkun rikonoxxut bħala prinċipju bażiku tad-demokrazija tagħna. Alternattiva Demokratika għaldaqstant tipproponi emenda kostituzzjonali li tpoġġi l-prinċipju tas-sussidjarjetà bħala linja gwida kostituzzjonali u punt ta’ referenza għall-amministrazzjoni pubblika. L-istess kif illum il-ġurnata jagħmlu t-trattati Ewropej. Għandna nfittxu l-konsistenza. L-insistenza li l-Unjoni Ewropea timplimenta dejjem iżjed il-prinċipju tas-sussidjarjetà għandna nżewġuha ma determinazzjoni li dan jitħalla jrabbi għeruq fondi f’pajjiżna ukoll.’
Il-proposti ta’ AD huma dawn:
- Il-proposta numru 1 ta’ Alternattiva Demokratika: hemm bżonn impenn ikbar mill-Gvern biex permezz tad-dipartimenti, aġenziji u awtoritajiet imwaqqfa b’liġi l-kunsilli lokali jkunu kkonsultati u involuti minn kmieni f’dak kollu li jikkonċerna lil-lokalitajiet.
- Il-proposta numru 2 ta’ Alternattiva Demokratika: l-prinċipju tas-sussidjarjetá għandu jingħata għarfien kostituzzjonali bħala linja gwida għall-amministrazzjoni pubblika ta’ pajjiżna.
- Il-proposta numru 3 ta’ Alternattiva Demokratika: tkun inkoraġġita l-kolleġjalita’ u dan billi ir-rwol ta’ kull kunsillier ikun apprezzat iktar mhux biss bl-assenjazzjoni obbligatorja ta’ responsabbiltajiet lil kull Kunsillier imma ukoll billi l-għoti ta’ onorarju raġjonevoli ma jsirx biss lis-Sindku imma ukoll kemm lill-Viċi Sindku kif ukoll lill-kunsilliera kollha.
- Il-proposta numru 4 ta’ Alternattiva Demokratika: l-Kumitati Amministrattivi m’għandhomx ikunu aboliti imma l-poter biex ikun hemm tali Kumitati Amministrattivi għandu jgħaddi direttament f’idejn il-Kunsilli Lokali infushom li jiddeċiedu huma fejn, jekk u meta dawn għandhomx ikunu kostitwiti.
- Il-proposta numru 5 ta’ Alternattiva Demokratika: kull fejn hu possibli għandha tkun diċentralizzata l-amministrazzjoni pubblika tal-pajjiż u dan a bażi tal-prinċipju tas-sussidjarjetà.
- Il-proposta numru 6 ta’ Alternattiva Demokratika: t-tmexxija kollha tal-Kunsill Reġjonali għandha tkun waħda demokratika u dan billi kemm il-President kif ukoll il-membri tal-Kunsill Reġjonali jkunu soġġetti għall-vot popolari. L-ebda wieħed/waħda mill-politiċi reġjonali ma jkun full-time.
- Il-proposta numru 7 ta’ Alternattiva Demokratika: l-Kunsilli Lokali għandhom jingħataw rwol deċiżiv fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar proġetti maġġuri.
- Il-proposta numru 8 ta’ Alternattiva Demokratika: l-prinċipju tas-sussidjarjetà għandu jkun applikat għall-ħarsien tal-ambjent (inkluż l-ippjanar għall-użu tal-art). L-awtoritajiet ċentrali jżommu r-rwol ta’ regolatur u l-funzjoni operativa tgħaddi f’idejn il-Gvernijiet Reġjonali.