party financing AD

AD: Il-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti

party financing AD

Fl-isfond tal-Liġi dwar il-finanzjament tal-partiti li għadha kemm għaddiet mill-istadju tal-Kumitat Parlamentari, Ralph Cassar, is-Segretarju Ġenerali ta’ Alternattiva Demokratika, qal:

“Alternattiva Demokratika ipparteċipat fid-dibattitu pubbliku dwar il-liġi proposta mill-Gvern u minn Franco Debono dwar il-finanzjament tal-partiti politici. Ippreżentajna r-reazzjonijiet tagħna kemm għall-White Paper kif ukoll għall-abbozz ta’ liġi, meta dan ġie ppubblikat l-ewwel darba.

Mhux biss. Talli għall-ewwel darba permezz ta’ Carmel Cacopardo Viċi Chairman ta’ Alternattiva Demokratika, Alternattiva Demokratika ipparteċipat ukoll fil-Kumitat Permanenti tal-Parlament li jikkunsidra l-abbozzi ta’ liġijiet fejn bil-permess tal-istess Kumitat ipparteċipajna fid-diskussjoni dettaljata dwar il-liġi proposta.”

“Alternattiva Demokratika hi sodisfatta li għall-ewwel darba ser ikollna liġi dwar il-finanzjament tal-partiti, liġi li AD ilha tikkampanja dwarha sa mill-1989, meta twaqqfet l-istess AD.”

“Filwaqt li AD tapprezza li ngħatat l-ispazju biex issemma’ leħinha jiddispjaċiha li l-iżjed punt bażiku tas-sottomissjonijiet tagħha ma ġiex aċċettat mill-Gvern. Alternattiva Demokratika ma taqbilx mal-għażla tal-Kummissjoni Elettorali bħala r-regolatur. Dan għaliex minħabba l-kompożizzjoni tal-istess Kummissjoni minn rappreżentanti tal-partiti fil-parlament il-kummissjoni qatt ma tista’ tkun regolatur imparzjali. Din il-kritika Alternattiva Demokratika għamlitha sa minn meta ħarġet il-White Paper u kien b’sodisfazzjon li osservajna li sussegwentement anke l-Partit Nazzjonalista addotta l-istess pożizzjoni.”

“Qed jingħad li l-kummissjoni elettorali dejjem mexxiet b’korrettezza l-elezzjonijiet ġenerali. Pero’ ma jingħadx li l-Kummissjoni dan tagħmlu għax hi regolata minn liġijiet li ma jħallulha l-ebda diskrezzjoni. Kull fejn il-Kummissjoni Elettorali fil-passat kellha diskrezzjoni dejjem utilizzatha skont il-maġġoranza politika eżistenti fi ħdanha. Dan ma jawgurax tajjeb għat-tħaddim tal-liġi dwar il-finanzjament tal-partiti għax ma jagħmilx sens li 8 minn 9 membri li jiffurmaw ir-regolatur huma nominati mill-partit fil-Gvern jew mill-partit fl-Oppożizzjoni filwaqt li c-Chairman hu nominat mill-Gvern tal-ġurnata.”

“Alternattiva Demokratika hi tal-fehma li l-għażla ta’ regolatur li hu minnu innifsu parzjali iddgħajjef il-liġi u t-tħaddim eventwali tagħha. Għaldaqstant, Alternattiva Demokratika ser teżamina sewwa l-liġi u wara li tieħu pariri legali tiddeċiedi jekk tipproċedix billi tikkontesta l-materja dwar ir-regolatur fil-Qrati Maltin u Ewropej.”

“Hi verament ħasra li dak li seta’ kien pass storiku ‘l quddiem jiddgħajjef b’dan il-mod”, ikkonkluda Ralph Cassar.

FacebookEmail