Aċċess aħjar minn u lejn Għawdex – Carmel Cacopardo

bosphurus_tunnel

Kummentarju imxandar fuq RTK nhar it-Tnejn 18 ta’ April 2016

Ilna snin kbar nargumentaw dwar jekk Malta u Għawdex għandhomx ikunu magħqudin b’mod permanenti.   Meta fir-realtà l-problema mhux jekk ikunx hemm għaqda permanenti  imma l-ħtieġa li jkun iffaċilitat l-aċċess, prinċipalment għal dawk l-Għawdxin  li jaħdmu jew jistudjaw Malta. Hemm prezz li jrid jitħallas għal dan kollu. Il-prezz mhux biss wieħed finanzjarju, imma hu ukoll wieħed soċjali u ambjentali.

Studju li sar ftit xhur ilu, ikkummissjonat minn Transport Malta u l-Gozo Business Chamber kien assuma li l-ispiża għal din il-mina ser tlaħħaq madwar it-€300 miljun. Mhux magħruf  kif ġiet stabilita din l-istima għax l-istudju nnifsu ma jagħti l-ebda indikazzjoni dwar dan. Imma meta nqiesu l-mini li qed jitħaffru jew huma ippjanati li jitħaffru bħalissa fil-kontinent Ewropew malajr nirrealizzaw li din hi stima baxxa ħafna.  Probabbilment li l-ispiża ma tkunx inqas minn biljun euro u possibilment li din anke tqarreb il-€1.5 biljun meta jkunu magħrufa d-dettalji mill-istudju ġeoloġiku tar-rotta ippjanata għall-mina.

Qabel ma jsir l-istudju ġeoloġiku ma tista’ tikkonkludi xejn. L-istudju ġeoloġiku, meta jsir, jidentifika l-problemi ġeoloġiċi fuq ir-rotta li hu ppjanat li titħaffer. Anke meta jkun konkluż l-istudju ġeoloġiku, dan mhux garanzija li huwa u jsir ix-xogħol ma jitfaċċawx problemi ġodda. Hekk ġara per eżempju meta snin ilu tħaffret il-mina bejn l-Ingilterra u Franza (ċ-Channel Tunnel) fejn minkejja l-eżistenza ta’ studju ġeoloġiku dettaljat li sar fuq numru ta’ snin, xorta l-ispiża reali kienet 80% iktar minn dak ippjanat!

Fir-rotta li minnha hu ippjanat li tgħaddi l-mina, hu magħuf li hemm qasmiet kbar fil-blat, li jissejħu geological faults. Hemm minnhom li għadhom attivi, jiġifieri li perjodikament ikun hemm iċ-ċaqlieq ta’ ftit millimetri tal-blat.  Dawn l-affarijiet ikunu studjati sewwa meta jsir l-studju ġeoloġiku. Minn analiżi ta’ dak li jirriżulta mill-istudju li jsir ikun stabilit kemm jekk hux possibli li l-mina issir kif ukoll stima realistika ta’ kemm din tiġi tiswa.

Hemm dawn il-problemi kollha u għandna ma bdejniex nitkellmu dwar impatti ambjentali, li minnhom hemm diversi.

Il-mina, biex issir, ser tiġġenera kwantità kbira ta’ blat li jrid jitqatta. Dan ivarja skond id-diżinn tal-mina u t-tul tar-rotta u jista’ jakkumula sa żewġ miljun metri kubi ta’ blat. Dan apparti s-siti Natura 2000 li qegħdin viċin ħafna taż-żona fejn tista’ tiżbokka l-mina.

Stħarriġ li kien sar mill-Assoċjazzjoni Għawdija tat-Turiżmu dwar din il-mina riċentment jindika li 64% tal-operaturi turistiċi Għawdxin huma kontra li ssir din il-mina għax biha Għawdex isir sempliċiment estensjoni ta’ Malta. Għawdex jitlef l-identità tiegħu u jsir destinazzjoni ta’ ġurnata waħda. Imbagħad jkun hemm ħtieġa ferm inqas ta’ lukandi, farmhouses jew flats għall-kiri f’Ghawdex.

Dan kollu jkollu impatt qawwi u negattiv fuq it-turiżmu f’Għawdex, presentment wieħed mill-pilastri tal-ekonomija f’Għawdex.

Il-problema tal-aċċess għal Għawdex tista’ tissolva b’mod ferm iktar sempliċi u mingħajr ma toħloq dawn il-problemi kollha. Jista’ jiġi pprovdut servizz permezz ta’ fast-ferry mill-Imġarr Għawdex direttament sal-Belt Valletta u lura. B’dan il-mod u bi spiza li tkun farka żgħir mill-ispiża tal-mina il-problema tal-aċċess tonqos sostanzjalment.

Soluzzjoni ferm iktar faċli mill-mina. Soluzzjoni li l-partiti politiċi fil-Parlament skartaw għal dawn is-snin kollha.

FacebookEmail